Żjara tal-Kummissarju Għoli ta’ Malta fl-Awstralja, L-E.T. Charles Muscat għamel żjara f’Melbourne bejn il-11 u l-15 ta’ Marzu 2019

Reference Number:  , Press Release Issue Date: Mar 18, 2019
 

Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta fl-Awstralja, għamel żjara fl-istat ta’ Victoria fejn kellu opportunita’ jiltaqa’ ma’ bosta membri tal-Kommunita’ Maltija, flimkien mal-Konslu Ġenerali s-Sur Mario Farrugia Borg.

Waqt din iż-żjara, l-E.T. is-Sur Muscat u l-Konslu Ġenerali taw intervista mis-Sur Joe Axiaq, il-koordinatur tas-sezzjoni tal-Malti fl-SBS.

Il-Kummissarju u l-Konslu Ġenerali żaru ukoll iċ-ċentru tal-Kunsill tal-Kommunita’ Maltija f’Victoria, fejn kellhom l-opportunita’ li jintaqgħu mal-President tal-Kunsill, is-Sinjura Marlene Ebejer, u t-tim eżekuttiv.

Flimkien mal-Konslu Ġenerali f’Melbourne, l-Kummissarju Għoli għamel mezz biex iżuru ukoll l-Kommunita’ Maltija f’ Morwell - La Trobe Valley, fl-Lvant tal-istat ta’ Victoria, daqs 320 kilometru l-bogħod minn Melbourne. Il-Kummissarju ħass il-bżonn li jiltaqa’ u jisma’ lil-membri tal-kommunita’ reġjonali, f’laqgħa organizzata mill-Konslu Onorarju tad-distrett, s-Sur Mario Sammut. L-Kummissarju u l-Konslu Ġenerali urew l-apprezzament tagħhom għall-inizjattivi li qed jittieħdu mill-kommunita’ f’Morwell sabiex ilestu mużew fuq id-drawwiet u l-folklor tal-kultura Maltija, li tant jgħożżu.

L-E.T. is-Sur Muscat ħa l-opportunita’ ta’ din iż-żjara biex jiltaqa’ mal-Ministru statali, l-Onor. Richard Wynne MP. Matul din il-laqgħa, l-E.T. qajjem punti li jolqtu l-interessi tal-kommunita’ Maltija f’Victoria.

L-E.T. is-Sur Muscat kellu laqgħa fiċ-ċentru tal-Maltin f’Albion. Il-President tal-għaqda, s-Sur P.P. Portelli, u l-kumitat tiegħu laqgħu lill-Kummissarju Għoli u lill-Konslu Ġenerali b’mod eċċellenti minn grupp t’għannejja u mis-St Albans Melita Band, liema banda filarmonika kienet mgħonija bil-parteċipazzjoni ta’ numru sabiħ ta’ żgħażagħ. Il-Grupp tal-Bizzilla kienu ukoll preżenti għal din l-okkażjoni fejn tellgħu wirja tax-xogħol tagħhom.

Wara żjara kemmxejn impenjattiva, il-Kummissarju Għoli ta’ Malta fl-Awstralja jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li taw semhom għas-suċċess ta’ dawn l-attivitajiet, b’mod speċjali lill- Konslu Ġenerali s-Sur Mario Farrugia Borg, l-familja tiegħu, kif ukoll lil presidenti u l-kumitati tal-għaqdiet Maltin f’Victoria.​