Malta, bħala President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ingħatat l-inkarigu li tibda d-diskussjonijiet dwar x’tip ta’ ftehim irid jintlaħaq mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku wara li jiskadi l-Ftehim ta’ Cotonou fl-2020

Reference Number:  , Press Release Issue Date: Mar 17, 2017
 

“Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr George W Vella, illum ħa sehem f’laqgħa tal-Commonwealth Ministerial Action Group f’Londra. Malta hija membru ta’ dan il-Grupp bħala ċ-Chair in Office tal-Commonwealth.

Fl-interventi tiegħu, il-Ministru Vella informa lill-grupp li Malta, bħala President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ingħatat l-inkarigu li tibda d-diskussjonijiet dwar x’tip ta’ ftehim irid jintlaħaq mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku wara li jiskadi l-Ftehim ta’ Cotonou fl-2020. Huwa appella lil dawn il-pajjiżi, speċjalment dawk membri tal-Commonwealth, biex iħejju l-pożizzjoni tagħhom għall-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-Unjoni Ewropea u dawn il-pajjiżi, li se ssir f’Malta f’Ġunju li ġej.

Il-Ministru Vella qal li l-Commonwealth għandu juri interess dwar ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u l-Commonwealth wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin laqa’ l-enfasi fuq l-edukazzjoni u s-saħħa taż-żgħażagħ fir-rapport tas-Segretarja Ġenerali u qal li dan hu mod kif wieħed jevita r-radikalizzazzjoni.

Qabel il-laqgħa, il-Ministri kellhom laqgħa ta’ kortesija mal-Prinċep Charles.

Wara l-laqgħa formali, il-Ministru Vella kellu laqgħa separata mas-Segretarja Ġenerali tal-Commonwealth, il-Barunessa Patricia Scotland, li fiha infurmaha dwar żviluppi li għaddejjin dwar strutturi li kien miftiehem li kellhom jitwaqqfu f’pajjiżna matul iċ-CHOGM tal-2015.


pr170660a.jpg