Il-Ministru George W. Vella u r-Rappreżentanta Għolja u Viċi President tal-Unjoni Ewropea Federica Mogherini jippresedu l-Laqgħa Informali tal-Ministri responsabbli mill-Iżvilupp

Reference Number:  , Press Release Issue Date: Mar 16, 2017
 

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George W. Vella, flimkien mar-Rappreżentanta Għolja u Viċi President tal-Unjoni Ewropea Federica Mogherini, ippresedew il-Laqgħa Informali tal-Ministri responsabbli mill-Iżvilupp fi Brussell.

Matul din il-laqgħa saret diskussjoni dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa fuq il-Consensus on Development, il-Partnership bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika u l-konnessjoni bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp.

Il-Ministru Vella qal li din il-laqgħa kienet okkażjoni biex wieħed jara xi żvilupp sar fuq dawn is-suġġetti. Il-Consensus on Development huwa priorità prinċipali għall-Presidenza Maltija u mistenni jkun addottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta’ Mejju u jkun iffirmat waqt il-European Development Days fis-7 u t-8 ta’ Ġunju, fejn Malta se tiffirma għan-nom tal-Kunsill u l-Istati Membri. Matul il-Laqgħa kien hemm tqarrib fil-pożizzjonijiet tal-Membri fuq dan id-dokument.

Il-Ministru qal ukoll li prijorità oħra tal-Presidenza Maltija hija r-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku wara li jiskadi l-Ftehim ta’ Cotonou fl-2020. Fost dawn il-pajjiżi, l-Unjoni Ewropea trid issaħħaħ is-sħubija mal-pajjiżi tal-Afrika u taħdem biex iż-żgħażagħ Afrikani jkollhom futur aħjar.

Malta qed taħdem ukoll biex tingħata importanza għal relazzjoni bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni. Il-Ministru qal li l-kunsens li nkiseb fis-Summit li sar f’Malta u fil-laqgħa tal-Uffiċjali Għolja f’Malta ix-xahar li għaddha jipprovdu bażi soda li fuqha l-Unjoni Ewropea tista’ tibbaża l-ħidma tagħha.

Qabel il-Laqgħa Informali, il-Ministru Vella kellu laqgħa mar-Rappreżentanta Għolja Federica Mogherini, il-Kummissarju għall-Iżvilupp Neven Mimica, u ċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Iżvilupp Linda McAvan, dwar il-koperazzjoni meħtieġa matul kull Presidenza biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istess Presidenza. 


pr170649a.jpg


pr170649b.jpg